Mur għall-kontenut ewlieni
NextGenerationEU
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 18 Settembru 2024
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 3 min qari

Daqqa t'id: Appartamenti b’Servizz għall-Anzjani fis-Slovenja

Serviced Apartments for Seniors in Slovenia

In-NextGenerationEU, il-pakkett ta’ stimolu ambizzjuż tal-UE qed jgħin biex tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali u territorjali, kif ukoll ir-reżiljenza soċjali u istituzzjonali, billi jinvesti f’għadd kbir ta’ proġetti fl-Ewropa kollha. F’Velenje, is-Slovenja, ġie ddedikat investiment ta’ €950,000 għall-bini ta’ appartamenti b’servizz għaċ-ċittadini anzjani, li joffru lir-residenti faċilitajiet tal-aqwa kwalità, għajxien indipendenti u kwalità ta’ ħajja aħjar. 

Il-muniċipalità ta’ Velenje lestiet il-kumpless ta’ appartamenti b’servizz f’Settembru 2023, li kien kofinanzjat permezz tan-NextGenerationEU, b’finanzjament mill-UE li assista l-iżvilupp ta’ 12-il unità residenzjali moderna b’enfasi fuq l-awtonomija, is-sikurezza u l-prossimità mal-komunità lokali u l-membri tal-familja fil-qrib. Biex nitgħallmu aktar dwar il-proġett, tkellimna mar-residenti Ivo Terzić Pavić, Fani Pašić u Marija Vegan. 

Għaliex applikajt biex tgħix fl-appartamenti b’servizz ta’ Žarova? 

ITP: Issetiljajt f’Velenje bħala żagħżugħ, u t-tfal u l-familja tiegħi għadhom jgħixu hawn. Ma kelli l-ebda intenzjoni li niċċaqlaq, iżda l-appartament fit-tielet sular fejn kont ngħix qabel ma kellux lift u kien qed isir dejjem aktar diffiċli għalija li nitla’ t-taraġ. Il-kumpless ta’ Žarova għandu lift, u għalija, dan kien ideali. 

FP: L-istorja hi simili għal tiegħi. Qabel ma ċċaqlaqt lejn l-appartamenti ta’ Žarova, kont ngħix fir-raba’ sular ta’ blokka appartamenti, mingħajr lift. Kelli problemi tas-saħħa, għalhekk kont naf li kelli bżonn faċilitajiet aħjar. Dawn l-appartamenti b’servizz offrewli ambjent aktar sikur u mgħammar aħjar.  

MV: Jien kont ngħix f’dar, u kont qed nibda nħossni iżolata. Hawnhekk, inħossni ħafna aktar sikura. Għandna telefown SOS għall-emerġenzi u għandi l-ġirien u l-ħbieb madwari, li jagħtuni serħan il-moħħ. Naħseb li l-awtoritajiet lokali u l-UE għandhom raġun jiffukaw fuq inizjattivi bħal dawn, peress li joffru sens ta’ sigurtà lir-residenti anzjani. 

“Naħseb li l-awtoritajiet lokali u l-UE għandhom raġun jiffukaw fuq inizjattivi bħal dawn, peress li joffru sens ta’ sigurtà lir-residenti anzjani.” 

– Marija Vegan, Residenta ta’ Žarova 

X’inhu l-aspett favorit tiegħek tal-ħajja fil-kumpless Žarova? 

ITP: Inħoss li l-ħajja issa hi aktar sikura u aktar faċli, ninsab grat li nista’ ngħix hawnhekk. L-aħjar ħaġa għalija hi li l-bini għandu faċilitajiet għan-nies tal-età tiegħi, iżda xorta nistgħu ngħixu b’mod indipendenti. Nista’ mmur fil-ħwienet lokali waħdi, pereżempju. Il-proġett huwa eżempju tajjeb ta’ kif il-fondi pubbliċi jistgħu jintużaw għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-età tiegħi. 

FP: Għalija l-aqwa li nibqa’ qrib il-familja tiegħi. Bqait f’ambjent familjari, iżda issa għandi dak li għandi bżonn. Il-bini għandu wkoll kamra komuni fejn nistgħu nissoċjalizzaw. Inħeġġeġ lill-oħrajn jgħixu f’appartamenti b’servizz ukoll. 

MV: Naqbel. Li tkun qrib il-familja huwa ideali. Nista’ nibqa’ qrib it-tfal u n-neputijiet tiegħi, u nistgħu noffru suġġerimenti. Kull xahar iżuruna l-ħaddiema soċjali u jiċċekkjaw jekk ikollniex bżonn xi ħaġa. Huma jipprovdu wkoll rabta diretta mad-Dar Lokali għall-Kura tal-Adulti, fejn jista’ jkollna wkoll ikla ta’ nofsinhar u nattendu xi lezzjonijiet. 

“Il-proġett huwa eżempju tajjeb ta’ kif il-fondi pubbliċi jistgħu jintużaw għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-età tiegħi.” 

– Ivo Terzić Pavić, Resident ta’ Žarova 

Taħseb li proġetti bħal dawn se jwasslu għal bidla pożittiva għall-komunità? 

ITP: Naħseb li diġà tejbu l-affarijiet. Minn meta tlesta dan il-kumpless ta’ appartamenti, inbena proġett simili fil-qrib. Ikun tajjeb li jsiru disponibbli aktar appartamenti b’servizz fl-istess żona, peress li dan jagħti lill-oħrajn l-opportunità li jgħixu f’ambjent sabiħ u sikur bħal dan. 

FP: Nittama. Li tibqa’ fil-komunità tiegħek stess, qrib il-familja tiegħek, huwa importanti ħafna la tixjieħ. Nixtieq nara proġetti aktar simili. 

MV: Jien tal-istess fehma. Naħseb li huwa tajjeb ħafna li l-muniċipalità qed taqdi l-bżonnijiet tal-anzjani fil-komunità tagħna u qed tipprova żżomm il-kwalità ta’ ħajjitna.  

Il-kumpless ta’ appartamenti b'servizz ta’ Žarova huwa fost ħafna eżempji ta’ proġetti kofinanzjati bl-għajnuna tal-finanzjament tan-NextGenerationEU fis-Slovenja. Dan juri r-rieda u l-impenn tal-awtoritajiet lokali u nazzjonali li jipprovdu kura innovattiva u soċjalment konxja għaċ-ċittadini hekk kif jixjieħu, bl-għan li jinbena futur aktar inklużiv. Bis-saħħa, parzjalment, tal-fondi tan-NextGenerationEU, ikomplu jitwettqu innovazzjonijiet simili fil-kura soċjali. 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
18 Settembru 2024
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
Location
  • Is-Slovenja