Kull wieħed minna jista’ jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-klima. Sew jekk dan hu billi nnaqqsu l-konsum tal-enerġija fid-dar sew billi neħilsu mill-karozza u nużaw ir-rota, ilkoll nistgħu nagħtu sehemna biex ngħinu nindirizzaw it-tibdil fil-klima.
Il-Kummissjoni Ewropea u l-UEFA, l-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol, ingħaqdu flimkien biex jippromwovu l-għarfien dwar il-prijoritajiet tal-UE dwar il-klima u l-enerġija. Ħloqna reklam televiżiv biex inħeġġu lin-nies jieħdu passi ta’ kuljum biex jgħinu sabiex jiġu ffaċċjati kemm it-tibdil fil-klima kif ukoll il-kriżi tal-enerġija. Minn meta jintfew id-dwal sat-tnaqqis tat-tisħin, ilkoll nistgħu nsiru fannijiet biex niffrankaw l-enerġija billi nnaqqsu l-konsum tal-enerġija tagħna.
In-nies jistgħu jaraw ir-reklam fuq it-televiżjoni u fl-istadiums tal-futbol fl-Unjoni Ewropea u lil hinn minnha. Ir-reklam qed jintwera fil-kompetizzjonijiet pan-Ewropej tal-UEFA tal-klabb tal-irġiel u tan-nisa u tat-timijiet nazzjonali bħall-Men’s Champions League tal-UEFA u l-Women’s Champions League tal-UEFA għall-istaġun 2022-23.
Din l-impriża konġunta hi parti mill-impenn tal-UEFA għall-Patt Klimatiku Ewropew – inizjattiva mifruxa mal-UE kollha li tistieden lin-nies, il-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet biex jipparteċipaw fl-azzjoni klimatika u jibnu Ewropa aktar ekoloġika. Skopri aktar dwar kif tista’ ssir Ambaxxatur tal-Patt Klimatiku.