Mur għall-kontenut ewlieni
NextGenerationEU

Nagħmluha Ekoloġika

Bin-NextGenerationEU, qed nintroduċu Ewropa ġdida u ekoloġika. Waħda li taħdem kemm għan-nies kif ukoll għall-pjaneta.

B’mill-anqas 30% tal-Pjan ta’ Rkupru tan-NextGenerationEU, u l-baġit tal-UE ta’ seba’ snin, allokat għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima u għall-appoġġ ta’ proġetti ekoloġiċi, dawn huma l-oqsma ewlenin li qed nipprijoritizzaw matul is-snin li ġejjin. Ejjew nagħmluha ekoloġika!

Innaqqsu l-marka tal-karbonju tagħna

Enerġija nadifa

Bin-NextGenerationEU, qed ngħinu lill-pajjiżi tal-UE jaqilbu għal użu ta’ enerġija nadifa, ibbażat l-aktar fuq sorsi rinnovabbli li huma siguri u affordabbli. Qed nagħtu bidu għal mewġa ta’ rinnovazzjoni fl-UE kollha biex id-djar privati u l-bini pubbliku jsiru aktar effiċjenti fl-enerġija u biex ngħinu lil aktar nies jaffordjaw biex isaħħnu djarhom. It-teknoloġija ekoloġika u diġitali se tippermettilna naġġornaw il-bliet Ewropej sabiex ikunu intelliġenti, b’tisħin u dawl effiċjenti fl-enerġija, sistemi innovattivi tal-provvista tal-ilma urban u faċilitajiet għar-rimi tal-iskart.

Trasport sostenibbli

L-ivvjaġġar u t-trasport se jsiru aktar favur l-ambjent. Qed inżidu u ntejbu l-infrastruttura taċ-ċikliżmu u ninvestu aktar fin-networks tat-trasport pubbliku, inklużi l-linji ferrovjarji ta’ veloċità għolja madwar l-Ewropa. Qed niżviluppaw inġenji tal-ajru kbar u bastimenti tal-baħar b’emissjonijiet żero, bħall-bastimenti u t-tankers. Qed inħeġġu t-tranżizzjoni lejn karozzi elettriċi, u niżguraw li jkun hemm biżżejjed stazzjonijiet ta’ ċċarġjar mill-ġdid u tal-fjuwil mill-ġdid madwar l-Ewropa.

Dawn l-investimenti mhux biss se jgħinuna nilħqu l-għanijiet klimatiċi tagħna, iżda se joħolqu impjiegi ekoloġiċi għall-futur, isaħħu l-ekonomiji tagħna, u se jgħinuna ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Ewropej kollha.

Protezzjoni tal-ambjent tagħna

Natura u bijodiversità

Qed nipproteġu aktar żoni fuq l-art u fuq il-baħar madwar l-Ewropa, kif ukoll il-bijodiversità rikka tagħna. Aħna qed nittrattaw il-muturi ewlenin tat-telf tal-bijodiversità u qed naħdmu lejn tniġġis żero fl-arja, l-ilma u l-ħamrija sal-2050. Qed intejbu l-kwantità u l-kwalità tal-foresti tagħna, insaħħu r-reżiljenza tagħhom għat-tibdil fil-klima u nippromwovu ekonomija tal-foresti aktar sostenibbli, inkluż l-ekoturiżmu, biex niżguraw li ż-żoni rurali u l-popolazzjonijiet lokali tagħhom ma jitħallewx lura. U qed inniedu pjan ta’ restawr tan-natura għall-ekosistemi u l-artijiet mistagħdra li ġew degradati matul is-snin.

Konsum sostenibbli

Qed intejbu l-immaniġġjar tal-iskart u nagħtu spinta lill-ekonomija ċirkolari mill-plastik u t-tessuti għall-batteriji u l-vetturi. Qed niżguraw li jkollok id-dritt li ssewwi l-prodotti elettriċi tiegħek, u meta tkun lest, ikollok il-mezzi biex tirriċikla. Qed nippromwovu moda sostenibbli u ċentri ta’ appoġġ madwar l-Ewropa fejn tista’ titgħallem kif taġġorna l-prodotti tiegħek u tagħtihom ħajja ġdida.

Dawn il-bidliet mhux biss se jgħinuna nipproteġu l-ambjent u nilħqu l-miri tagħna dwar il-klima, iżda se jtejbu wkoll is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tal-Ewropej kollha.

Il-futur tal-ikel tagħna

Ikel nutrittiv u sostenibbli

Bin-NextGenerationEU u mill-Għalqa sal-Platt, qed niżguraw li kulħadd ikollu aċċess għal ikel sikur u tajjeb għas-saħħa u li jkun hemm biżżejjed minnu. Qed inħeġġu lin-nies jadottaw dieta tajba għas-saħħa u sostenibbli u qed innaqqsu l-ħela tal-ikel. Qed niżviluppaw skema ta’ tikkettar tal-ikel li turi minn fejn ġie prodott, il-valur nutrittiv tiegħu, u l-impatt ambjentali u soċjali. U qed ninvestu aktar fir-riċerka u l-innovazzjoni biex niżguraw li jkollna sistema tal-ikel reżiljenti adattata għall-futur.

Biedja u sajd

Qed ngħinu lill-bdiewa fit-tranżizzjoni lejn agrikoltura organika, li se tgħin biex titnaqqas il-marka tal-karbonju tal-ikel tagħna, jiġi protett l-ambjent u tiġi ppreżervata l-bijodiversità. Qed ninvestu fir-riċerka u t-teknoloġija biex nagħmlu l-biedja aktar effiċjenti, nimmodernizzaw l-irrigazzjoni, u niżviluppaw alternattivi mhux kimiċi għall-pestiċidi. U qed nappoġġjaw is-sajd u l-akkwakultura sostenibbli, li se jagħtu spinta lill-ekonomija blu.

Dawn il-bidliet mhux biss se jgħinuna nilħqu l-miri klimatiċi tagħna, iżda se joħolqu wkoll opportunitajiet ġodda għall-konsumaturi, il-bdiewa, is-sajjieda u l-industrija tal-ikel.

Ewropa aktar ekoloġika għal kulħadd

Irridu li kulħadd ikun involut u jibbenefika mill-futur ekoloġiku tal-Ewropa, u hu għalhekk li qed ninvestu aktar flus fir-riċerka u l-innovazzjoni biex nirreaġixxu għall-kriżi klimatika u biex nipprovdu aktar protezzjoni għall-bijodiversità u l-habitats tal-Ewropa mhedda.

Biex niżguraw tranżizzjoni ġusta u xierqa għal kulħadd, qed nimmobilizzaw ukoll aktar investimenti ekoloġiċi minn qatt qabel u nipprovdu opportunitajiet ta’ taħriġ tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid biex ngħinu lill-ħaddiema u lin-negozji jirnexxu fl-ekonomija ekoloġika. U qed niżguraw li l-mixja lejn ekonomija b’emissjonijiet żero netti ta’ gassijiet serra sseħħ b’mod ġust, filwaqt li ħadd ma jitħalla lura, bis-saħħa tal-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta tagħna.

Kooperazzjoni internazzjonali

Nafu li nistgħu nsolvu t-theddida globali tat-tibdil fil-klima biss billi nikkooperaw mas-sħab internazzjonali tagħna. Għalhekk, qed naħdmu ma’ gvernijiet oħra biex nilħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi. Qed nappoġġjaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima. U qed nagħtu eżempju, nistabbilixxu dati ta’ mira għan-newtralità klimatika u nħeġġu gvernijiet oħrajn biex jagħmlu l-istess. Billi naħdmu flimkien, se niżguraw dinja aktar ekoloġika għall-ġejjieni.

Sħubija UE-UEFA

Aktar minn qatt qabel, qed niffukaw fuq kwistjonijiet ekoloġiċi. Hu għalhekk li ltqajna mal-UEFA, l-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol, għal kampanja ta’ tliet snin dwar kif aħna lkoll nistgħu nagħtu sehemna fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Skopri aktar dwar il-kampanja konġunta tagħna mal-UEFA.

Kif tista' tinvolvi ruħek?

Hemm ħafna modi kif tista’ tgħin biex il-futur isir aktar ekoloġiku, bħat-trasport pubbliku jew ir-rota, billi tiekol aktar ħaxix u anqas laħam, u billi tixtri oġġetti użati, tirriċikla u tuża mill-ġdid.

Tista’ tinvolvi ruħek ukoll fil-Patt Klimatiku Ewropew, inizjattiva li tgħin lill-komunitajiet jaqsmu u jimplimentaw miżuri għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, jew fil-Wegħda ta’ Konsum Ekoloġiku , inizjattiva li tħeġġeġ lin-negozji biex isiru aktar favur il-klima billi, pereżempju, inaqqsu l-marka tal-karbonju tagħhom jew jipproduċu prodotti aktar sostenibbli. Tista’ wkoll taqsam ideat dwar arkitettura sostenibbli u li ma tagħmilx ħsara lill-klima permezz tal-inizjattiva tagħna Bauhaus Ewropea l-Ġdida.