
Bis-saħħa tal-finanzjament u tal-investimenti mmirati pprovduti permezz tan-NextGenerationEU, tnedew madwar l-Ewropa diversi proġetti biex tingħata spinta lit-tkabbir sostenibbli u titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika. Kemm jekk kbar kif ukoll jekk żgħar, kemm jekk lokali kif ukoll jekk nazzjonali, huma mfassla biex jaqdu l-ħtiġijiet tal-pubbliku, jissodisfaw id-domanda dejjem tikber u jintroduċu teknoloġiji aktar nodfa għal għajxien aktar sostenibbli. Il-punti tal-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi (EVs) installati fis-sit tal-Europacamping, qrib ir-riżerva naturali ta’ Nommerlayen fil-Lussemburgu, huma parti minn inizjattiva nazzjonali b’valur ta’ €30.5 miljun, u eżempju wieħed biss ta’ kif bidliet żgħar jagħmlu differenza kbira.
L-Europacamping, li jinsab f’żona tal-imsaġar qrib il-belt ta’ Nommern, fil-canton ta’ Mersch, ilu jservi bħala post popolari ta’ btala għall-familji mill-1973. Dan joffri dak kollu li wieħed jista’ jistenna minn faċilità moderna tal-kampeġġ, minn djar mobbli u postijiet għall-kampeġġ sa żoni tal-logħob u pixxini. Madankollu, sa ftit ilu, is-sidien tal-vetturi elettriċi ma kellhomx il-possibbiltà li jiċċarġjaw mill-ġdid il-batteriji tagħhom fuq il-post. Dan kollu nbidel fl-2023, meta l-maniġers tas-sit tal-kampeġġ iddeċidew li jinstallaw fil-parkeġġ taċ-ċentru diversi punti tal-iċċarġjar tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, li permezz tagħhom dawk li jkunu fuq btala jistgħu jiċċarġjaw l-EVs fi kwalunkwe mument tal-ġurnata.
Biex insiru nafu aktar dwar dan tkellimna mal-maniġers tas-sit tal-kampeġġ Eline Buehre u Richard Miny:
X’qanqalkom biex tinstallaw il-punti tal-iċċarġjar?
EB: L-użu tal-vetturi elettriċi żdied b’mod konsiderevoli fil-Lussemburgu fi żminijiet reċenti. Minn sena għall-oħra rajna għadd dejjem jikber ta’ karozzi elettriċi fil-parkeġġ tagħna. Is-sit tal-kampeġġ tagħna jinsab eżatt fil-qalba tan-natura, u dan jagħmilna wkoll konxji tal-kwistjonijiet ambjentali. Maż-żmien, wasalna għall-konklużjoni li l-klijentela tagħna se tibbenefika mill-punti tal-iċċarġjar fuq il-post, u li dan se jagħtina l-opportunità li nikkontribwixxu favur l-ambjent. Wara li installajnihom ftit snin ilu, issa nistgħu noffru konvenjenza akbar u servizz aktar komplut lil dawk li jkunu fuq btala.
RM: Il-Gvern ilu joffri lin-negozji bħal tagħna l-assistenza finanzjarja sabiex jiġu installati punti tal-iċċarġjar. L-assistenza finanzjarja verament eliminat l-ostaklu tal-ispiża, peress li tali infrastruttura tiswa ħafna flus biex tiġi installata. Fl-aħħar mill-aħħar, din hija xi ħaġa oħra li tiddistingwina. Tgħinna ntejbu l-esperjenza tal-btajjel tal-klijenti tagħna u nissodisfaw l-aspettattivi tagħhom fir-rigward tas-sostenibbiltà. Aħna konxji tal-benefiċċji tal-mobbiltà nadifa għan-natura u l-ambjent, peress li dawn huma, wara kollox, fundamentali għal dak li aħna noffru. Fl-istess ħin, il-punti tal-iċċarġjar isaħħu l-immaġni tagħna, għax il-klijenti jistgħu jaraw li nappoġġaw it-tranżizzjoni lejn enerġija aktar nadifa.
“L-assistenza finanzjarja sabiex jiġu installati punti tal-iċċarġjar... verament eliminat l-ostaklu tal-ispiża, peress li tali infrastruttura tiswa ħafna flus biex tiġi installata.”
— Richard Miny, Maniġer tas-Sit tal-Kampeġġ fl-Europacamping
Kien hemm xi benefiċċji oħra?
EB: Naħseb li l-konvenjenza u l-isforzi ambjentali kienu l-vantaġġi ewlenin, u l-għotja għenitna niksbu dan. Naqbel ma’ Richard li l-punti tal-iċċarġjar itejbu l-immaġni tas-sit tal-kampeġġ, peress li aħna kburin li noffru dan is-servizz u nuruhom b’mod prominenti fuq is-sit web tagħna. Huma u jibbrawżjaw fuq il-paġna web tagħna, il-klijenti prospettivi tagħna li jsuqu l-vetturi elettriċi, malajr jiskopru li l-punti tal-iċċarġjar tal-EVs huma biss waħda mill-ħafna faċilitajiet li noffru.
RM: L-installazzjoni tal-punti tal-iċċarġjar kienet parti minn spinta usa’ biex tgħinna nimmaniġġjaw aħjar il-konsum tal-enerġija tagħna. Minn mindu installajnihom, sirna aktar konxji ta’ fejn konna qed nikkunsmaw l-enerġija, u f’xi każijiet naħluha, u din il-ħela tgħallimna nrażżnuha. Għalhekk, aħna rnexxielna nagħmlu bidliet addizzjonali fi bnadi oħra u naqqasna l-ispejjeż globali tal-enerġija tagħna b’madwar 10% fis-sena.
“Aħna... naqqasna l-ispejjeż globali tal-enerġija tagħna b’madwar 10% fis-sena.”
— Richard Miny, Maniġer tas-Sit tal-Kampeġġ fl-Europacamping
Il-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRP) tal-Lussemburgu ffinanzjat min-NextGenerationEU jammonta għal ftit inqas minn €250 miljun, b’aktar minn 80% tal-inizjattivi tiegħu jiffukaw fuq it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u l-objettivi relatati mal-klima. B’valutazzjoni ta’ €30.5 miljun, l-assistenza finanzjarja mal-pajjiż kollu għan-negozji li jinstallaw punti tal-iċċarġjar tal-EVs hija fost il-proġetti ewlenin tal-pjan. Is-suċċess tagħha fil-faċilità tal-Europacamping huwa xhieda tas-solidità ta’ dawn l-għotjiet, bil-maniġers tas-sit tal-kampeġġ jikkonfermaw li appoġġ bħal dan spiss ikun dak li sempliċiment huwa meħtieġ biex issir id-differenza u tinbeda bidla sinifikanti.
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 20 Frar 2025
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
- Post
- Il-Lussemburgu
- Location
- Il-Lussemburgu