Fl-Ewropa kollha, in-NextGenerationEU qed jinvesti fi proġetti li jippromwovu t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, id-diġitalizzazzjoni, it-tkabbir inklużiv, u aktar. Tabilħaqq, il-pakkett ta’ stimolu tal-UE ta’ €800 biljun iwitti t-triq għal futur aktar ekoloġiku u sostenibbli. Fl-Awstrija, proġett bħal dan hu skema ta’ appoġġ għall-unitajiet domestiċi biex is-sistemi tat-tisħin tal-fuels fossili jiġu sostitwiti b’teknoloġija rinnovabbli, inklużi heaters ibbażati fuq il-bijomassa, pompi tas-sħana u konnetturi għat-tisħin distrettwali.
L-iskema nazzjonali ta’ bidla fit-tisħin tal-Awstrija (“raus aus Öl und Gas”) irċeviet €159 miljun f’finanzjament addizzjonali permezz tan-NextGenerationEU, li jgħin lill-unitajiet domestiċi privati u lin-negozji jaqilbu fil-pajjiż kollu għal sistemi tat-tisħin aktar nodfa u effiċjenti. Il-benefiċjarji tal-għotjiet Markus u Sonja Ehrnstorfer jgħixu f’unità domestika multiġenerazzjonali fir-reġjun storiku ta’ Salzkammergut. Huma qasmu l-esperjenza tagħhom billi qalbu miż-żejt u mill-ħatab għall-pompa tas-sħana b’sors tal-arja.
Il-kisba tal-għotja kienet proċess faċli?
ME: Biex inkun onest, iva! Dan kien ħafna aktar mgħaġġel milli konna immaġinajna. Ikkonsultajna diversi fornituri tas-servizzi tat-tisħin, ksibna kwotazzjoni li kienet taqa’ taħt il-livell limitu ta’ finanzjament, ippreżentajna l-applikazzjoni tagħna għal għotja, u l-affarijiet imxew. Ladarba l-applikazzjoni ġiet sottomessa u approvata, l-awtoritajiet lokali f’Bad Ischl ħadmu mal-fornitur magħżul tagħna u s-sussidji koprew proporzjon tal-ispejjeż globali tal-installazzjoni.
SE: Fil-passat, kien hemm xi assistenza finanzjarja biex tgħin fl-installazzjoni tal-pompi tas-sħana, iżda l-aħħar għotja kienet verament l-element konklużiv għalina. Meta konna qed infittxu biex nixtru, staqsejna jekk il-pompi tas-sħana bl-arja jaħdmux b’mod effiċjenti, peress li għandna radjaturi fid-dar kollha u kien importanti li nżommu l-istess livelli ta’ sħana bħal qabel. Offrewlna ħafna informazzjoni ta’ serħan il-moħħ.
“Fil-passat, kien hemm xi assistenza finanzjarja biex tgħin fl-installazzjoni tal-pompi tas-sħana, iżda l-aħħar għotja kienet verament l-element konklużiv għalina.”
– Sonja Ehrnstorfer, Residenta Lokali
Minbarra l-assistenza finanzjarja, x’waslek biex tagħmel il-bidla?
ME: Essenzjalment, ridna nagħmlu ħajjitna aktar faċli. Qabel, kellna nqallbu fil-foresta għall-ħatab, dan kien ta’ preokkupazzjoni għax jirrikjedi xogħol u ħżin. Kien hemm ukoll kunsiderazzjonijiet ambjentali. Is-sistema l-ġdida ma taħraqx żejt jew ħatab. M’hemmx aktar dħaħen li joħorġu mid-dar tagħna u ż-żamma tas-sħana hi ħafna aħjar, peress li erġajna pproteġejna xi ftit id-dar mit-telf ta’ sħana.
SE: Għalija wkoll, l-aktar argumenti konvinċenti kienu l-faċilità tal-użu u ż-żamma tas-sħana. Is-sistema l-ġdida hi regolata faċilment ħafna. Fil-passat, qabel ma mmorru lura d-dar, konna niċċekkjaw jekk in-nanniet kinux diġà hemm sabiex isaħħnuha qabel ma naslu. Mingħajr aktar żejt jew ħatab x’jinħażen, irbaħna wkoll ħafna spazju.
“Il-benefiċċji ewlenin kienu l-kumdità, il-konvenjenza u l-kisbiet ambjentali.”
– Markus Ehrnstorfer, Resident Lokali
Taħseb li r-reġjun, kollu kemm hu, jista’ jibbenefika mill-iskema?
ME: Jekk aktar nies ibiddlu s-sistemi tat-tisħin tagħhom, naħseb li dan jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-kwalità tal-arja; b’mod partikolari fi żoni urbani, bħal Vjenna. Il-benefiċċji ewlenin kienu l-kumdità, il-konvenjenza u l-kisbiet ambjentali.
SE: Biddilna s-sistema tat-tisħin f’Settembru 2022. Maż-żmien, verament innotajna d-differenza. Dan hu mod aktar effiċjenti biex inżommu darna sħuna matul il-jum u naħseb li n-nies fir-reġjun, jew saħansitra lil hinn, jibbenefikaw ħafna minn dan. Ejjew ma ninsewx, klassifikazzjoni tajba tal-enerġija qed issir dejjem aktar importanti llum, għalhekk l-għajnuna għall-għotja hi inċentiv kbir.
L-appoġġ għat-tranżizzjoni ekoloġika hu fost l-objettivi primarji tan-NextGenerationEU, għalhekk hu raġonevoli li l-Awstrija għażlet li tuża l-finanzjament ipprovdut permezz tal-iskema biex tassisti liċ-ċittadini hekk kif jaqilbu għal enerġija aktar nadifa. Bis-saħħa tas-sussidji disponibbli, persuni bħal Markus u Sonja jibbenefikaw minn assistenza finanzjarja li għamlithom kuntenti filwaqt li jikkontribwixxu direttament għal futur aktar nadif għal kulħadd.
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 17 Ġunju 2024
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
- Location
- L-Awstrija