Mur għall-kontenut ewlieni
NextGenerationEU
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 24 Marzu 2025
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 5 min qari

Tkabbir Sinifikanti: Inkabbru s-Servizzi tal-Indukrar tat-Tfal fil-Belġju

Permezz tan-NextGenerationEU, il-Belġju żviluppa Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRP) estensiv b’valur ta’ madwar €5.2 biljun f’self u għotjiet. Dawn il-fondi ġew investiti f’diversi proġetti li l-għan tagħhom hu li jippromwovu t-tkabbir inklużiv, itejbu l-koeżjoni soċjali u jsaħħu r-reżiljenza istituzzjonali. Fost l-inizjattivi ambizzjużi tal-pjan hemm programm ta’ €6,000,000 biex jinbnew u jiġu rinnovati faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal fir-reġjun tal-Wallonia, fejn jiġi mitkellem il-Franċiż. L-għan hu, li sa Marzu 2026, jiġu pprovduti aktar minn 1,700 post ieħor għat-trabi u għat-trabi li telqu jimxu f’ċentri li jindukraw it-trabi (li hemmhekk isibuhom bħala crèches) u f’ċentri li jindukraw it-tfal (dawk li anki aħna nsibuhom bħala childcare centres). 

Cara Grün hija omm żagħżugħa b’tifel ta’ sentejn li tgħix qrib il-belt ta’ Verviers. Binha jattendi l-crèche Les Ploquettes, li nfetħet fi Stembert f’Mejju 2024, u li ġiet tiswa aktar minn €1,200,000. 80 % ta’ din l-ispiża ġiet iffinanzjata permezz tan-NextGenerationEU. Grün tgħid li bis-saħħa tal-crèche setgħet issib xogħol u ssegwi l-ambizzjonijiet professjonali tagħha, b’moħħha mistrieħ li binha kien f’post sigur fl-istess villaġġ. Kemm Sabine Lejeune, direttur tal-faċilità għall-indukrar tat-tfal ta’ Stembert, kif ukoll Cécile Ozer, kunsilliera tal-belt ta’ Verviers responsabbli għall-faċilitajiet bikrija tat-tfal, jinsabu kburin bil-proġett. 

Tkellimna ma’ dawn it-tliet nisa biex naraw x’kellhom xi jgħidu dwar il-crèche: 

Il-crèche kellha impatt kbir fuqek? 

CG: Bla dubju, din kellha impatt kbir f’ħajti. Biex wieħed isib faċilità għall-indukrar tat-tfal fiż-żona lokali huwa diffiċli ħafna. Qabel les Ploquettes, kont applikajt f’erba’ jew ħames crèches, iżda kollha kienu mimlijin. Malli sirt naf li kienet fetħet il-crèche l-ġdida, mill-ewwel niżżilt isimna biex ikollna post. Għal dawk il-ġenituri bi tfal żgħar li jgħixu f’Verviers u fil-madwar, din il-crèche kienet ta’ għajnuna kbira. Dan kien ifisser li stajt immur lura għax-xogħol, filwaqt li nkun moħħi mistrieħ li ċ-ċkejken tiegħi jinsab f’idejn tajba, mhux bogħod minni. Huwa kuntent ħafna li jmur il-crèche wkoll. Il-persunal hu attent u professjonali f’xogħlu, u dejjem jadatta għall-ħtiġijiet ta’ kull tifel u tifla. 

SL: Din kellha impatt kbir, u f’aktar minn sens wieħed. Għal diversi familji tal-lokal, il-fatt li żdiedu 49 post ieħor għat-tfal kien barka minn Alla. Qabel ma fetħet il-crèche, ħafna familji kienu mniżżlin fil-waiting lists, u ma kinux ċerti jekk kienx se jkollhom post. Kien ta’ sodisfazzjon kbir għalina li stajna noffrulhom is-servizzi tal-indukrar tat-tfal li kellhom bżonn. U l-faċilità nnifisha hi tal-ogħla livell, mgħammra b’kollox u għandha dak kollu li jeħtieġu t-tfal tal-lokal u l-persunal. Madwar 15-il persuna issa jaħdmu fil-crèche u huma kuntenti ħafna li qed jaħdmu f’ambjent tant modern u ddiżinjat tajjeb. 

CO: L-impatt kien jinħass. Għall-ġenituri li jaħdmu, il-fatt li uliedhom ikunu fi crèche tal-lokal ifisser li huma jistgħu jkomplu jmorru għax-xogħol u jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum b’moħħhom mistrieħ. Li wieħed jieħu ħsieb uliedu ma għandux ikun ta’ impediment għall-karriera jew għall-aspirazzjonijiet professjonali. Fl-aħħar mill-aħħar, in-nies jafdaw lil uliedhom, li tant jgħożżu, fi skola preprimarja bħal dik ta’ Les Ploquettes. Madankollu, mingħajr għażliet vijabbli għad-dispożizzjoni tagħhom, il-ġenituri sempliċiment ma jkunux jistgħu jitħarrġu, itejbu ħiliethom jew jaħdmu, u dan ikollu konsegwenzi evidenti kemm fuq familthom kif ukoll fuq il-komunità lokali.

“Huwa inkoraġġanti li jiġu allokati fondi għal proġetti bħal dawn, peress li dan huwa eżattament it-tip ta’ appoġġ li jeħtieġu l-ġenituri biex ikomplu l-ħajja tax-xogħol tagħhom filwaqt li jrabbu familja.”  

– Cara Grün, Residenta Lokali u Omm li Taħdem 

L-UE kellha rwol importanti fil-proġett? 

CG: Naħseb li iva. Sa ftit ilu, ma kienx hemm biżżejjed crèches fiż-żona, jew postijiet disponibbli f’dawk il-crèches li diġà kienu jeżistu. Minn dak li smajt, il-crèche l-ġdida kien possibbli li tinbena bis-saħħa tal-finanzjament mill-UE u mill-gvern. Bħala ċittadina lokali, huwa inkoraġġanti li jiġu allokati fondi għal proġetti bħal dawn, peress li dan huwa eżattament it-tip ta’ appoġġ li jeħtieġu l-ġenituri biex ikomplu l-ħajja tax-xogħol tagħhom filwaqt li jrabbu familja. 

SL: Permezz tal-pakkett NextGenerationEU, l-UE kienet strumentali fil-finanzjament tal-faċilità l-ġdida. B’kollox, il-proġett ġie jiswa aktar minn €1,200,000, u 80 % ta’ dawk il-fondi ġew direttament mill-UE. Fi kliem sempliċi, mingħajr l-appoġġ tal-UE, xejn ma kien ikun possibbli li jsir fiċ-ċirkostanzi attwali. 

CO: Assolutament. Din l-inizjattiva kollha saret possibbli bis-saħħa tal-finanzjament tal-UE. Hekk kif il-ħajja tax-xogħol qed issir dejjem aktar importanti, l-indukrar tat-tfal qed isir ħtieġa dejjem aktar urġenti. Minħabba f’hekk, l-għajnuna finanzjarja saret importanti ħafna. Aħna nirrikonoxxu l-ħtieġa li jittejbu s-servizzi soċjali, kemm għall-ġenituri kif ukoll għal individwi oħra. Sfortunatament, xi drabi jkun diffiċli li jinkisbu l-fondi, għalhekk l-appoġġ tal-UE għal proġetti bħal dawn huwa tassew ta’ għajnuna kbira. 

“Mingħajr l-appoġġ tal-UE, xejn ma kien ikun possibbli li jsir.”  

– Sabine Lejeune, Direttur tal-Faċilità għall-Indukrar tat-Tfal ta’ Stembert 

L-istorja ta’ Cara mhijiex unika. Kif tirrimarka Cécile, illum il-ġenituri qed iħabbtu wiċċhom ma’ pressjoni dejjem akbar biex isegwu karriera filwaqt li jrabbu familja, u jista’ jkun diffiċli li wieħed isib faċilità għall-indukrar tat-tfal aċċessibbli. Il-crèche Les Ploquettes fi Stembert hija eżempju perfett ta’ kif is-servizzi t-tajba jistgħu jgħinu biex jissolvew dawn il-problemi. Billi joffri 49 post ieħor għall-familji tal-lokal, il-proġett huwa wieħed minn ħafna stejjer ta’ suċċess li saru possibbli bis-saħħa tal-finanzjament tan-NextGenerationEU. Id-deċiżjoni tal-Belġju li jiddedika €6,000,000 għal proġetti bħal dawn permezz tal-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRP) tiegħu turi l-intenzjoni tal-pajjiż li jibni soċjetà aktar ġusta u aktar koeżiva. 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
24 Marzu 2025
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
Location
  • Il-Belġju