Mur għall-kontenut ewlieni
NextGenerationEU
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 19 Marzu 2025
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 3 min qari

Pass fid-direzzjoni t-tajba: ngħinu lill-persuni b’diżabilità jgħixu ħajja aktar indipendenti

Permezz tal-istrument ta’ finanzjament tan-NextGenerationEU, l-Italja rċeviet ftit aktar minn €194 biljun f’self u għotjiet, li rriżultaw fi Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRP) ambizzjuż u estensiv. Fost l-oħrajn, dawn il-fondi ġew investiti fi proġetti maħsubin biex itejbu l-koeżjoni soċjali u territorjali, iwasslu għal tkabbir sostenibbli, u jsaħħu r-reżiljenza istituzzjonali. Mhux inqas minn €500,000,000 ġew allokati għal proġett li għandu l-għan li jagħti spinta lill-“mudelli ta’ awtonomija għall-persuni b’diżabilità”. Lucia, li toqgħod Ruma u għandha s-sindromu ta’ Down, hija fost dawk li se jibbenefikaw mill-iskema.  

Bis-saħħa tal-inizjattiva, Lucia qed tgħix f’appartament li huwa proprjetà tal-belt ta’ Ruma. Flimkien ma’ parteċipanti oħrajn, li għandhom tipi differenti ta’ bżonnijiet speċjali, talterna r-residenza tagħha ma’ abitazzjoni komuni pprovduta mill-muniċipalità ta’ Vitinia, madwar 25 minuta ’l barra mill-belt kapitali. Il-proġett joffri lill-benefiċjarji l-ewwel esperjenza ta’ ħajja indipendenti, u kull appartament ġie adattat biex jissodisfa l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom. F’xi każijiet, dan kien ifisser it-tneħħija jew l-aġġustament ta’ karatteristiċi jew ostakli arkitettoniċi. F’każijiet oħrajn, żdied tagħmir ta’ awtomatizzazzjoni li jiffaċilita l-ħajja ta’ kuljum tar-residenti. 

Biex insiru nafu aktar, tkellimna ma’ Paola Siino, uffiċjal tekniku tal-Belt ta’ Ruma, li hija fost dawk responsabbli għall-implimentazzjoni tal-proġett “Ħajja Indipendenti”: 

X’inhu l-objettiv tal-proġett?  

PS: Il-proġett “Ħajja Indipendenti” ta’ Ruma huwa wieħed minn serje ta’ proġetti mnedija madwar il-pajjiż bl-għajnuna ta’ finanzjament mill-gvern u mill-UE. Dawn il-proġetti għandhom l-istess għan: li jtejbu l-awtonomija tal-persuni b’diżabilità. Irridu li, fuq naħa waħda, nirrinnovaw u nadattaw l-ispazji u, min-naħa l-oħra, nipprovdu soluzzjonijiet tal-ICT u taħriġ biex b’hekk niffaċilitaw l-ewwel passi tal-benefiċjarji lejn l-indipendenza. Madwar l-Italja, l-objettiv ġenerali huwa li, sal-aħħar ta’ Marzu 2026, inkunu assistejna lil mill-inqas 5,000 persuna b’diżabilità. 

“Il-proġett “Ħajja Indipendenti” ta’ Ruma huwa wieħed minn serje ta’ proġetti mnedija madwar il-pajjiż bl-għajnuna ta’ finanzjament mill-gvern u mill-UE.” 

– Paola Siino, uffiċjal tekniku tal-Belt ta’ Ruma 

Jiġifieri l-inizjattiva ma tiffukax biss fuq l-akkomodazzjoni? 

PS: Le, it-tisħiħ tal-ħiliet tal-benefiċjarji huwa wkoll element ewlieni, b’enfasi partikulari fuq il-ħiliet diġitali. Fl-aħħar mill-aħħar, nixtiequ nsaħħu l-awtonomija tal-parteċipanti f’kull sens, u f’dan ir-rigward l-abitazzjoni komuni u l-ħiliet huma ż-żewġ pilastri ewlenin. Il-programmi tat-taħriġ se joffrulhom l-opportunità li jiżviluppaw professjonalment u jissuktaw bl-edukazzjoni tagħhom, u dan għandu jiftħilhom it-triq biex ikollhom introjtu u impjieg. F’dak is-sens, it-titjib tal-ħiliet tal-benefiċjarji se jgħin biex, minbarra li jkollhom saqaf fuq rashom, tiġi żgurata l-awtonomija tagħhom fit-tul.  

“Madwar l-Italja, l-objettiv ġenerali huwa li, sal-aħħar ta’ Marzu 2026, inkunu assistejna lil mill-inqas 5,000 persuna b’diżabilità.”  

– Paola Siino, uffiċjal tekniku tal-Belt ta’ Ruma 

Il-proġett irnexxa? 

PS: Naħseb li iva. Kuntenti ħafna bir-riżultati li kellna s’issa, iżda hemm aktar xogħol xi jsir. Bdejna bil-“Casa Vitinia” fl-2022, u ttrasformajna abitazzjoni kbira f’żewġ appartamenti biex nakkomodaw 12-il ruħ. Ipprovdejna aċċess għal programmi tat-taħriġ sabiex il-benefiċjarji jkunu jistgħu jissodisfaw l-ambizzjonijiet tagħhom fir-rigward tat-tagħlim. Fil-bqija tal-Italja saru ħafna proġetti li mxew fuq il-passi tagħna. Il-persuni b’diżabilità jiffaċċjaw għadd kbir ta’ ostakli fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, u għalhekk skemi bħal dawn huma essenzjali għax jiftħu t-triq għal stil ta’ ħajja aktar awtonomu u aktar ta’ sodisfazzjon. Biex dan iseħħ, il-finanzjament tal-gvern u tal-UE huwa vitali. 

Kif tafferma Paola, il-proġett “Ħajja Indipendenti” li qed tagħmel il-Belt ta’ Ruma huwa fost ħafna inizjattivi simili mnedija bl-għajnuna tal-finanzjament tan-NextGenerationEU. Dawn il-proġetti jagħmlu parti minn sforz usa’ biex jittejbu l-kwalità tal-ħajja u l-ugwaljanza tal-opportunitajiet għall-persuni b’diżabilità, u huma element sinifikanti tal-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRP) tal-Italja. Juru r-rwol ċentrali tal-inklużività fit-tranżizzjoni komuni tagħna lejn futur aktar ġust. Fl-aħħar mill-aħħar, soċjetà aktar inklużiva u li tagħti aktar kas tal-bżonnijiet tal-membri tagħha hija wkoll waħda aktar koeżiva; u n-NextGenerationEU qed jgħin biex tabilħaqq jagħmel id-differenza f’dan ir-rigward. 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
19 Marzu 2025
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
Location
  • L-Italja