
Biex tiġi xprunata l-koeżjoni soċjali u territorjali u jiġu aċċellerati t-tranżizzonijiet ekoloġiċi u diġitali, in-NextGenerationEU qiegħda toffri għajununa mixtieqa lill-faċilitajiet komunitarji varji fl-Ewropa kollha. L-istazzjon tal-ferrovija modernizzat ta’ Domžale fis-Slovenja huwa fost il-ħafna proġetti ambizzjużi li rċieva fondi permezz ta’ pakkett ta’ stimlu ta’ €800 biljun, b’facilitajiet aċċessibbli għall-wheelchairs u passaġġ taħt l-art mingħajr periklu għal dawk mexjin, fost il-prijoritajiet ewlenin tiegħu.
Domžale, li tinsab biss 12-il kilometru ’l bogħod mill-belt kapitali Slovena, hija parti miċ-ċinturin vitali tal-ivvjaġġar ta’ Ljubljana, iżda l-linja ferrovjarja ta’ Kamnik iddeterjorat xi ftit f’dawn l-aħħar snin. Investiment ta’ €7.2 miljun permezz tan-NextGenerationEU offra opportunità biex l-istazzjon ta’ Domžale jiġi aġġornat teknikament u jittejbu l-aċċessibbiltà u s-sikurezza. Biex nitgħallmu aktar, tkellimna mal-Manager tas-Sit Zoran Račič u mal-vjaġġatur Mojca Robas.
Kif int marbut mal-proġett u dan kien suċċess?
ZR: Ħdimt għall-Ferroviji Sloveni għal 38 sena, u għint nikkoordina l-loġistika u nagħmel arranġamenti għal servizzi alternattivi tal-karozzi tal-linja għall-vjaġġaturi matul ir-rinnovazzjoni. Għalija, is-sikurezza kienet l-akbar kisba tal-proġett. In-nies ta’ spiss kienu jaqsmu l-binarji bil-mixi, iżda l-passaġġ taħt l-art il-ġdid għamel l-aċċess aktar sigur, b’mod partikolari f’din l-età ta’ mobiles u distrazzjonijiet.
MR: Ngħix f’Domžale u kuljum nieħu l-ferrovija biex immur ix-xogħol. L-istazzjon il-ġdid huwa post aktar modern u pjaċevoli, iżda naqbel li s-sikurezza u l-aċċessibbiltà kienu l-akbar titjib. Il-passaġġ taħt l-art u l-liftijiet aċċessibbli għall-wheelchair jippermettu aċċess faċli għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa, li huwa essenzjali għal inklużività akbar.
“Il-passaġġ taħt l-art u l-liftijiet aċċessibbli għall-wheelchair jippermettu aċċess faċli għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa, li huwa essenzjali għal inklużività akbar.”
– Mojca Robas, Resident Lokali
Il-proġett kellu impatt fit-tul lokalment?
ZR: Nittama li r-rinnovazzjoni ta’ Domžale tħeġġeġ lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, lokalment u nazzjonalment, biex jagħmlu pressjoni għal aktar rinnovamenti tal-istazzjonijiet ferrovjarji fi bnadi oħra. L-infrastruttura hija tant importanti għal komunitajiet bħal tagħna u l-linja kollha ta’ Kamnik teħtieġ ħidma. Fuq medda twila ta’ żmien, proġetti bħal dawn iħallsu dividendi, peress li joħolqu impjiegi lokali u jġibu liż-żgħażagħ lura fis-settur.
MR: Nemmen ukoll li infrastruttura aħjar u konnettività akbar jistgħu jattiraw investiment ġdid u joħolqu l-impjiegi. Dan huwa ta’ benefiċċju għall-komunità u l-ekonomija lokali, jagħti spinta lill-mobbiltà, u jattira lin-nies lejn iż-żona. Fuq medda twila ta’ żmien, proġetti bħal dawn jistgħu jnaqqsu wkoll il-konġestjoni tat-traffiku u jtejbu l-kwalità tal-arja, għalhekk naħseb li se jkollha impatt pożittiv u fit-tul.
“Fuq medda twila ta’ żmien, proġetti bħal dawn iħallu l-frott, peress li joħolqu impjiegi lokali u jġibu liż-żgħażagħ lura fis-settur.”
– Zoran Račič, Manager tas-Sit fil-Ferroviji Sloveni
Ir-rinnovazzjoni tal-istazzjon tal-ferrovija ta’ Domžale hija biss wieħed minn ħafna proġetti mwettqa fis-Slovenja grazzi għal €2.7 biljun taħt in-NextGenerationEU, iżda l-impatt lokali tagħha huwa palpabbli u sinifikanti. B’enfasi fuq is-sikurezza, l-aċċessibbiltà u t-teknoloġija mtejba, ir-riżultat huwa stazzjon ferrovjarju modern u inklużiv li fl-aħħar jissodisfa l-ħtiġijiet tar-residenti lokali.
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 17 Ġunju 2024
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
- Location
- Is-Slovenja