Mur għall-kontenut ewlieni
NextGenerationEU
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 16 April 2025
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 4 min qari

Għajnuna bl-Ajru: Insaħħu r-Riżorsi għall-Operazzjonijiet tat-Tifi tan-Nar fiż-Żoni Rurali tal-Portugall

Fl-ambitu tan-NextGenerationEU, il-Portugall ilu jagħmel investimenti kbar fil-pajjiż kollu biex jimmodernizza l-infrastruttura, joħloq l-impjiegi u jindirizza l-isfidi soċjali u ambjentali. B’valur totali ta’ €22.2 biljun, il-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRP, Recovery and Resilience Plan) tal-pajjiż alloka fondi għal għadd kbir ta’ proġetti, fosthom biex isir investiment fuq skala kbira f’riżorsi għall-ġlieda kontra n-nirien forestali fiż-żoni rurali, problema li qed tkompli tikber fin-nazzjon Atlantiku. Bis-saħħa tal-kontribuzzjoni ta’ €89,000,000 mill-UE, inbnew jew ġew irrinnovati ċentri ta’ operazzjoni, u nxtraw ħelikopters, makkinarju, vetturi u tagħmir vitali għat-tifi tan-nar. 

Bla dubju, l-investimenti ntlaqgħu tajjeb. Fost l-Istati Membri tal-UE, il-Portugall jesperjenza l-ogħla għadd medju ta’ nirien forestali fis-sena u għalhekk isofri l-akbar telf ta’ art minħabba żoni maħruqa. Dan żied l-urġenza b’mod partikolari li jissaħħu r-riżorsi tal-pajjiż biex ikun jista’ jiġġieled u jipproteġi kontra theddid bħal dan. Bis-saħħa tal-finanzjament tal-gvern u tal-UE, il-forza tal-ajru tal-pajjiż setgħet tikseb ħames ħelikopters tat-tifi tan-nar b’kapaċità baxxa ta’ ilma u sitta b’kapaċità medja, li qed jintużaw biex jgħinu u jikkoordinaw ħalli jitrażżnu n-nirien. Fl-2026 se jaslu aktar inġenji tal-ajru, li se jkomplu jsaħħu l-kapaċitajiet. 

Sabiex insiru nafu aktar, tkellimna mal-Kaptan Pedro Bola tal-Forza tal-Ajru Portugiża, li qasam magħna fehmtu: 

Ix-xiri ta’ inġenji tal-ajru ġodda tejjeb l-isforzi tal-operazzjonijiet tat-tifi tan-nar? 

PB: Bla dubju. L-investiment f’assi tal-ajru ġodda saħħaħ il-flotta tagħna u għamel l-operazzjonijiet tat-tifi tan-nar aktar sikuri u aktar effettivi għalina li naħdmu f’dan il-qasam. Naħdem bħala kaptan mal-Iskwadra 552 tal-Forza tal-Ajru Portugiża. L-unità tagħna hija responsabbli għall-koordinazzjoni tal-ajru u għall-isforzi tal-operazzjonijiet tat-tifi tan-nar meta jiżviluppaw nirien fis-selvaġġ, li sfortunatament saru jokkorru aktar spiss f’dawn l-aħħar snin. Permezz ta’ finanzjament addizzjonali stajna niksbu ħelikopters AW119 Koala, mgħammra b’teknoloġija mill-aktar avvanzata u li bihom nistgħu nidentifikaw u nikkoordinaw b’mod aktar effettiv in-nirien forestali mill-ajru. B’aktar ħelikopters fil-flotta, issa ninsabu preparati aktar minn qatt qabel.

“L-investiment f’assi tal-ajru ġodda saħħaħ il-flotta tagħna u għamel l-operazzjonijiet tat-tifi tan-nar aktar sikuri u aktar effettivi.”  

– Il-Kaptan Pedro Bola, Forza tal-Ajru Portugiża 

Għaliex l-investiment f’riżorsi bħal dawn huwa kruċjali? 

PB: L-investiment fil-kapaċitajiet tal-operazzjonijiet tat-tifi tan-nar jgħinna nipprevjenu d-diżastri naturali milli jilħqu proporzjonijiet verament katastrofiċi. Fl-aħħar mill-aħħar, b’aktar riżorsi, nistgħu nintervjenu aktar malajr u b’mod aktar effiċjenti flimkien mal-unitajiet fuq l-art, u b’hekk insalvaw il-ħajjiet u nipproteġu lil artna mill-ħerba tan-nirien. Jekk il-kapaċitajiet tagħna jkunu limitati, huwa ovvju li l-abbiltà tagħna li nrażżnu u niġġieldu n-nirien forestali tonqos ħafna, u b’hekk dan iħalli ħajjet in-nies u djarhom – kif ukoll dawk tal-organiżmi selvaġġi lokali – f’riskju kbir. Il-kontribut tal-unità tagħna għall-isforzi tal-operazzjonijiet tat-tifi tan-nar issaħħaħ bl-akkwist ta’ assi tal-ajru ġodda, u dan jista’ jinkiseb biss jekk isiru disponibbli biżżejjed fondi.

“Dan l-aħħar, il-fondi tal-UE kienu strumentali biex jissaħħu r-riżorsi tagħna.”  

– Il-Kaptan Pedro Bola, Forza tal-Ajru Portugiża 

Il-finanzjament tal-UE huwa importanti fir-rigward tal-isforzi biex jitrażżnu n-nirien? 

Dan l-aħħar, il-fondi tal-UE kienu strumentali biex jissaħħu r-riżorsi tagħna. Il-Forza tal-Ajru Portugiża hija fergħa indipendenti tal-Forzi Armati Portugiżi u għalhekk tiddependi fuq il-fondi mill-Istat għall-operazzjonijiet u l-manutenzjoni tagħha. L-UE tista’ tikkontribwixxi b’mod sostanzjali f’dan il-qasam, u għal pajjiżna dan seħħ permezz tal-RRP. Meta wieħed iqis kemm in-nirien fis-selvaġġ saru komuni f’ċerti perjodi tas-sena, nemmen li għandna nkomplu nsaħħu l-investiment. Aktar riżorsi għall-flotot tal-ajru u tal-art se jgħinuna nikkoordinaw aħjar u nimmaniġġjaw in-nirien forestali b’mod aktar effettiv. Il-finanzjament tal-UE diġà huwa komponent importanti ta’ dan.  

Fil-fehma ta’ Pedro, l-investiment fl-għajnuna bl-ajru permezz tan-NextGenerationEU huwa ta’ benefiċċju sinifikanti għall-isforzi tal-operazzjonijiet tat-tifi tan-nar fil-Portugall. Għalkemm huwa biss wieħed mill-ħafna oqsma li l-pajjiż għażel li jagħtihom prijorità permezz tal-RRP tiegħu, l-importanza tiegħu qed tikber dejjem aktar, hekk kif in-nirien fis-selvaġġ qed ikomplu jeqirdu ż-żoni rurali sena wara sena. It-tisħiħ tal-kapaċitajiet permezz tal-akkwist ta’ assi tal-ajru mhux biss se jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-unitajiet tal-ajru u dawk fuq l-art u se jagħmel it-trażżin tan-nirien aktar effiċjenti, iżda se jsalva l-ħajjiet u jipproteġi l-għajxien tan-nies ukoll. Barra minn hekk, dan juri l-impenn tal-pajjiż li jindirizza din il-kwistjoni b’mod dirett, għall-benefiċċju tas-soċjetà Portugiża u tal-ambjent inġenerali.

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
16 April 2025
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
Location
  • Il-Portugall