Mur għall-kontenut ewlieni
NextGenerationEU
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 17 Ġunju 2024
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 4 min qari

Materji dwar is-Saħħa: Appoġġ għall-Kura tas-Saħħa Komunitarja fl-Awstrija Rurali

In-NextGenerationEU, il-pakkett ta’ stimolu tal-UE ta’ €800 biljun ilu jinvesti f’inizjattivi b’firxa wiesgħa fl-Ewropa kollha. Permezz ta’ finanzjament immirat bir-reqqa, dan jagħti s-setgħa lill-pajjiżi biex jagħtu spinta lill-ekonomiji u lis-soċjetajiet tagħhom, jaċċelleraw it-tranżizzjoni ekoloġika, u jsaħħu r-reżiljenza tal-kura tas-saħħa u istituzzjonali, fost l-oħrajn. Fl-Awstrija kollha, proġett ta’ €54.2 miljun wassal għall-impjieg ta’ diversi mijiet ta’ nurses komunitarji fil-livell muniċipali. 

Imniedi sentejn ilu, il-proġett tan-nursing fil-komunità fir-reġjun storiku ta’ Salzkammergut wassal għall-impjieg tan-nurses Tanja Gattinger u Rebecca Schachinger mal-muniċipalitajiet fiż-żona ta’ Altmünster-Traunkirchen. Bħala parti mir-rwol tagħhom, huma jipprovdu servizzi ta’ kura primarja u ta’ konsulenza lill-abitanti lokali, b’enfasi fuq is-sensibilizzazzjoni dwar il-kura tas-saħħa u l-miżuri preventivi. Huma qasmu l-ħsibijiet tagħhom magħna. 

Kif seħħ dan il-proġett u fejn tiffittja fih?  

TG: L-awtoritajiet lokali f’Altmünster u Traunkirchen flimkien applikaw għal finanzjament biex jimpjegaw żewġ nurses fil-komunità, dan ġie approvat fil-livell nazzjonali. It-tnejn li aħna nagħmlu parti mill-istaff gradwat fil-kura tas-saħħa u n-nursing miż-żona lokali, għalhekk naturalment konna interessati li ninvolvu ruħna. Applikajt meta rajt ir-rwol irreklamat f’seminar. Rebecca ngħaqdet l-ewwel, u jien madwar xahrejn warajha. 

RS: L-istess għamilt jien. Applikajt biex insir nurse tal-komunità meta rajt l-impjieg tal-muniċipalità ta’ Altmünster. L-affarijiet verament bdew f’Marzu 2022, meta nedejna l-inizjattiva. Minn dak iż-żmien, żviluppajna network ta’ madwar 45 sieħeb fir-reġjun u qed nipprovdu kura lil 200 pazjent jew “klijent” fiż-żona lokali. 

“Żviluppajna network ta’ madwar 45 sieħeb fir-reġjun u qed nipprovdu kura lil 200 pazjent fiż-żona lokali.” 

– Rebecca Schachinger, Nurse tal-Komunità 

X’inhuma wħud mill-punti ewlenin tal-proġett?   

TG: Għalija, l-aħjar parti hi l-enfasi fuq is-sensibilizzazzjoni u l-prevenzjoni, kif ukoll il-mod awtonomu u orjentat lejn il-ħtiġijiet li naħdmu bih. Stabbilixxejna relazzjonijiet mill-qrib u ta’ fiduċja ma’ ħafna pazjenti, peress li qed nakkumpanjawhom għal perjodi itwal. Fil-bidu, xi wħud kienu xettiċi jew konfużi bil-proġett, iżda issa ħafna nies tal-lokal sempliċement jirreferu għalina bħala “in-nurses”. 

RS: Naqbel. L-inizjattiva ppermettitilna naħdmu b’mod aktar liberu u napplikaw l-għarfien espert tagħna bħala nurses kwalifikati b’mod prattiku ħafna. Nistgħu nirreaġixxu b’mod flessibbli ħafna għax-xejriet li nosservaw fi ħdan il-popolazzjoni lokali. Jekk, pereżempju, ninnotaw li ħafna pazjenti jidhru li jeħtieġu trattament jew pariri dwar id-dijabete, nistgħu nfasslu l-approċċ tagħna għal dawk il-ħtiġijiet. 

X’japprezzaw l-aktar dwar in-nursing tal-komunità? 

TG: Naħseb li l-persuni tal-lokal japprezzaw li l-kura pprovduta titlob sforz minimu u faċli biex tiġi aċċessata. Hemm tnejn minna, b’pożizzjonijiet full-time, u nistgħu niġu kkuntattjati mit-Tnejn sal-Ġimgħa. Noffru wkoll appuntamenti filgħaxija, u għal xi pazjenti, nagħmlu żjarat fid-dar. Niżviluppaw pjanijiet ta’ kura individwali, li jfisser li nistgħu noffru approċċ aktar olistiku. 

RS: Personalment, naħseb li hu aktar faċli għal ħafna nies għax iħossu li verament jafuna. Hemm speċi ta’ kuntatt personali. It-tnejn ġejjin miż-żona lokali, trabbejna f’Altmünster u Traunkirchen. B’riżultat ta’ dan, inħoss ċerta affinità man-nies lokali. Ma jħossuhomx li għandhom joqogħdu lura milli jikkuntattjawna. Huma jsibu dan anqas skoraġġanti u bejnietna hemm tip ta’ fiduċja li wieħed isib bejn il-ġirien.  

“Irridu niżguraw li n-nies jibqgħu f’sikkithom u f’saħħithom u jkunu jistgħu jkomplu jgħixu fi djarhom stess għall-itwal żmien possibbli.” 

– Tanja Gattinger, Nurse tal-Komunità 

X’kien l-akbar impatt tal-proġett?  

TG:  In-nies jgħidulna li għamel il-kura tas-saħħa aktar viżibbli u adattabbli. Meta jesperjenzaw preokkupazzjonijiet dwar is-saħħa, jew il-carers jew il-familja tagħhom ikunu jeħtieġu parir, huma jistgħu faċilment jikkuntattjawna. Fuq medda twila ta’ żmien, il-proġett hu mfassal biex itaffi ftit mill-piż fuq is-sistema tas-saħħa. Bil-promozzjoni ta’ aktar għarfien u ta’ miżuri preventivi, irridu niżguraw li n-nies jibqgħu f’sikkithom u f’saħħithom u jkunu jistgħu jkomplu jgħixu fi djarhom stess għall-itwal żmien possibbli. 

RS: Jiena għandi l-istess fehma. Kull min isejjaħ is-servizzi tagħna issa għandu aċċess għall-għarfien espert lokali u, b’żieda ma’ dan, għan-network usa’ tagħna. Is-servizzi li nipprovdu huma eżempju ta’ kura bla ħlas, bi sforz minimu u bbażata fuq il-ħtiġijiet. Meta n-nies ikollhom bżonn xi ħaġa jew ikollhom mistoqsija, jistgħu jikkuntattjawna u jagħmlu l-ewwel pass faċilment. Billi nippromwovu stil ta’ ħajja aħjar għas-saħħa, inserrħu wkoll moħħ in-nies li huma wkoll jistgħu jagħmlu differenza pożittiva għal saħħithom.  

B’dan l-investiment, l-Awstrija għażlet li tingrana l-fondi tan-NextGenerationEU biex in-nursing tal-komunità jsir prijorità. Billi tiffinanzja skemi bħal dawn fil-pajjiż kollu, hi qed tagħmel il-kura ta’ kwalità aktar aċċessibbli f’żoni remoti u ttaffi l-pressjoni fuq is-sistema tas-saħħa. Fl-aħħar mill-aħħar, dan hu eżempju ta’ wieħed mill-għanijiet ewlenin tan-NextGenerationEU; it-tisħiħ tal-kura tas-saħħa u r-reżiljenza istituzzjonali għall-benefiċċju taċ-ċittadini fis-snin li ġejjin. 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
17 Ġunju 2024
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
Location
  • L-Awstrija