
Bħall-pajjiżi kollha tal-UE, il-Latvja qed tiffaċċja sfidi marbuta ma’ dinja dejjem aktar diġitali. Biex dawn jiġu indirizzati, il-pajjiż qed jiddedika kważi kwart tal-finanzjament tiegħu tan-NextGenerationEU biex jagħti spinta lit-tranżizzjoni diġitali. Fost il-kwistjonijiet ewlenin li l-Latvja hija mħassba dwarhom hemm dik tad-distakk diġitali. Biex tindirizzah, nediet inizjattiva fuq livell nazzjonali biex tixtri u tqassam 35,000 laptop lill-iskejjel sekondarji fil-pajjiż kollu.
Il-proġett għandu l-għan li jindirizza l-kwistjoni tal-aċċess għall-opportunitajiet ta’ apprendiment permezz tat-teknoloġija – problema li qed taffettwa b’mod sproporzjonat lil uħud miċ-ċittadini minħabba raġunijiet soċjoekonomiċi, fost l-oħrajn. L-Iskola Sekondarja Statali ogħla ta’ Jelgava (l-eqdem tat-tip tagħha fil-Latvja) hija fost il-faċilitajiet li qed tibbenefika mill-iskema, wara li rċeviet 274 laptop biex jintużaw kemm mill-istudenti kif ukoll mill-għalliema. Il-persunal tal-istituzzjoni faħħar ħafna din l-inizjattiva.
Zaiga Atelbauere, li tgħallem l-Ingliż u l-ġestjoni tan-negozju, u Nadīna Anija Poga, professur fl-istudji tal-IT, tad-disinn u tat-teknoloġija, qasmu ħsibijiethom.
Dan il-proġett kien sinifikanti għall-Iskola Sekondarja Statali ta’ Jelgava?
ZA: Naħseb li iva. F’termini ta’ metodoloġiji u teknoloġija, l-iskola tagħna hija kburija bl-approċċ prattiku tagħha; b’enfasi fuq l-iżvilupp tal-ħiliet tal-istudenti biex jitħejjew għad-dinja reali u għas-suq tax-xogħol. Id-diġitalizzazzjoni hija essenzjali, iżda f’termini ta’ aċċess xi gruppi soċjali jinsabu fi żvantaġġ. Nixtiequ li kemm jista’ jkun nistabbilixxu kundizzjonijiet ekwi, u nippruvaw nipprovdu teknoloġija ta’ kwalità u aġġornata għal kulħadd. Inizjattivi bħal dawn jagħmlu dan fattibbli.
NAP: Dan għamel differenza kbira fil-mod kif l-istudenti tagħna jaħdmu u jitgħallmu. Il-laptops jintużaw f’diversi suġġetti, fosthom fl-Ingliż u fix-xjenzi naturali. L-għalliema integraw il-kompjuters fil-pjanijiet tal-lezzjonijiet tagħhom u jistgħu jitolbu aċċess għalihom, kemm għalihom infushom kif ukoll għall-istudenti tagħhom waqt il-lezzjoni, biex jassenjaw kompiti u jaħdmu b’mod diġitali mal-istudenti.
“Nixtiequ li kemm jista’ jkun nistabbilixxu kundizzjonijiet ekwi... Inizjattivi bħal dawn jagħmlu dan fattibbli.”
– Zaiga Atelbauere, Għalliema fl-Iskola Sekondarja Statali ta’ Jelgava
X’kienu wħud mill-benefiċċji ewlenin tal-proġett?
ZA: Jien naħseb li lkoll kemm aħna sirna aktar effiċjenti, u qed nipprintjaw ħafna inqas karti minn qabel. Huwa interessanti li wieħed josserva l-ħiliet diġitali li l-istudenti jitgħallmuhom kważi mill-ewwel. Bis-saħħa tal-kompjuters, jistgħu jaħdmu kemm b’mod awtonomu kif ukoll b’mod kollaborattiv, filwaqt li jinvolvu lil xulxin mingħajr ma joħolqu distrazzjonijiet. Fil-klassi ntellgħu wkoll ħafna iktar xogħol, għalhekk m’għandniex għalfejn nagħtu wisq xogħol għad-dar. L-istudenti kollha jkunu qed jaħdmu fuq l-istess suġġetti filwaqt li jkunu qed jużaw l-istess riżorsi, bil-preżenza ta’ għalliem li jkun qed jassistihom b’mod fiżiku.
NAP: L-istudenti jkunu qed jiżviluppaw ħiliet li jistgħu japplikaw f’suġġetti differenti. Pereżempju, fil-lezzjonijiet tagħhom tax-xjenza tal-kompjuter kienu qed jipperfezzjonaw ħiliethom fl-Excel, u dan għenhom fil-proġetti ta’ riċerka, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-kalkoli jew mal-preżentazzjoni tad-data. Dan kien utli ħafna wkoll għall-ħidma fi gruppi, peress li jippermetti tassew il-kollaborazzjoni. Qabel, kien jfittxu l-informazzjoni fuq il-mowbajls tagħhom u spiss kienu jiġu distratti bin-notifiki. Il-laptops huma aktar konvenjenti u ma titla’ l-ebda notifika li tista’ ttelfilhom il-konċentrazzjoni tagħhom.
“Id-diġitalizzazzjoni hija essenzjali għall-iskejjel u għall-eżiti tal-apprendiment fil-ġejjieni, peress li tirrifletti d-dinja li ngħixu fiha llum.”
– Nadīna Anija Poga, Għalliema fl-Iskola Sekondarja Statali ta’ Jelgava
Taħseb li inizjattivi bħal dawn huma t-triq ’il quddiem?
ZA: Ċertament. Il-ħiliet diġitali li l-istudenti jiksbu llum se jkunu ta’ benefiċċju għalihom tul ħajjithom kollha. L-iskejjel jeħtieġ li dan jiffaċilitawh. Il-ħiliet diġitali huma vitali għal kwalunkwe tip ta’ involviment mas-soċjetà kontemporanja u l-importanza tagħhom se tkompli tikber fil-ġejjieni. It-tnedija ta’ inizjattiva bħal din fil-livell nazzjonali hija importanti, peress li sservi biex toħloq kundizzjonijiet ekwi kemm ġeografikament kif ukoll soċjalment.
NAP: Naqbel. Id-diġitalizzazzjoni hija essenzjali għall-iskejjel u għall-eżiti tal-apprendiment fil-ġejjieni, peress li tirrifletti d-dinja li qed ngħixu fiha llum. Dan il-proġett ipprovda opportunità konsiderevoli għall-iskejjel u għall-għalliema fil-Latvja biex jintegraw il-proċessi diġitali fil-metodi ta’ tagħlim u ta’ apprendiment tagħhom. Minkejja dan, is-suċċess ta’ din l-inizjattiva fl-aħħar mill-aħħar se jiddependi minn kemm l-għalliema kapaċi jimplimentawhom b’mod effettiv. L-għoti ta’ riżorsi materjali lill-iskejjel huwa biss il-bidu.
It-tqassim tal-laptops lill-iskejjel fil-Latvja kollha hija waħda mill-ħafna inizjattivi ta’ diġitalizzazzjoni li ttieħdu bl-għajnuna tal-finanzjament tan-NextGenerationEU. L-isforzi biex jitnaqqas id-distakk diġitali jirfdu ħafna mill-proġetti tal-pajjiż biex tiġi mmodernizzata l-infrastruttura teknoloġika u jittejbu l-ħiliet tal-popolazzjoni kollha. Għotjiet sinifikanti huma diretti wkoll lejn l-amministrazzjoni pubblika, l-SMEs u l-programmi ta’ konnettività tal-internet. Il-Latvja qed taħdem b’entużjażmu fuq it-tranżizzjoni diġitali tagħha bil-għan li tħejji liċ-ċittadini tagħha għal ġejjieni dejjem aktar diġitali.
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 25 Ottubru 2024
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
- Location
- Il-Latvja